IYA 2009 MALTA
  Department of Information Press Release
 

 

Nru 0121
 
 
SENA INTERNAZZJONALI TAL-ASTRONOMIJA
 
Meta kienet qed titkellem fil-ftuħ tas-Sena Internazzjonali tal-Astronomija, il-Ministru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport, Dolores Cristina, saħqet fuq l-importanza tal-istudju tax-xjenzi u ħabbret li qed titfassal strateġija biex l-istudju tax-xjenzi jinfirex aktar fost l-istudenti tagħna.
 
L-astronomija hi xjenza antika ħafna. Ħafna nies jaffaxxinaw ruħhom kull fil-għaxija jħrasu lejn is-sema u josservaw is-sbuħija tal-univers.  In-nies tal-Preistorja wkoll kienu konxji miċ-ċaqlieq tal-kwiekeb u l-pjaneti tant li wħud mit-tempji neolitiċi tagħna huma orjentati u jħarsu lejn inżul ix-xemx.
 
Il-lum ix-xjenza tal-astronomija żviluppat ħafna. Din is-sena qed nikkomemoraw l-400 sena minn meta Galileo Galilei beda l-istudju tal-univers. Minn dakinhar ‘l hawn, il-pjaneti, l-istilel u l-kwiekeb bdew jidhru f’dawl differenti minn kif kienu jidhru fl-imgħoddi. Il-lum, hemm teleskopji kbar fl-ispazju u permezz tagħhom il-bniedem żar il-pjaneti kollha u studjahom. Kien proprju 40 sena ilu li l-bniedem rifes għall-ewwel darba fuq il-qamar.
 
Anke minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-astronomija u x-xjenza b’mod ġenerali għamlu qabżiet kbar ‘il quddiem.
 
Il-Ministru Cristina saħqet li qed ngħixu f’dinja teknoloġika u rridu nkomplu ninkoraġixxu lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna biex ifittxu karrieri fil-qasam tax-xjenza. Dawn huma l-ħiliet li għandu bżonn pajjiżna. L-ekonomija u l-industrija tagħna qed jinbidlu biex jibbażaw aktar fuq ix-xjenza u t-teknoloġija. Biżżejjed wieħed iħares ftit lejn il-fabbriki tal-farmaċewtika li fetħu f’pajjiżna, il-Lufthansa Technik, l-ST u fabbriki oħra.
 
Hu ta’ sodisfazzjon ukoll li anke d-Dipartiment tal-Edukazzjoni qed jikkollabora fil-programm imfassal għal din is-sena tal-astronomija flimkien mal-Ambaxxati tal-Istati Uniti, ir-Russja u l-Italja.
 
Dan il-grupp qed jaħdem biex iressaq aktar nies lejn l-astronomija, partikolarment dawk minn età żgħira. Il-Ministru inkoraġġiet lill-istudenti biex iħobbu aktar ix-xjenzi u jfittxu karrieri f’dan il-qasam.
 
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni barra uffiċjali mill-Għaqda Astronomika Maltija u oħrajn mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni kien hemm ukoll uffiċjali mill-Ambaxxati tal-Istati Uniti, ir-Russja u l-Italja.
 
DOI – 27.01.2009
 
  There have been 116799 visitors (326210 hits) on this page!  
 
=> Do you also want a homepage for free? Then click here! <=